Dwarna

Mission Statement

At Mixta, we nurture creativity and inspire artistic expression by fostering a diverse and inclusive community. Through our programs and events, we empower individuals to explore their passions, develop their talents, and connect with others to create a vibrant cultural landscape.

Nibdew mill-bidu – Xi tfisser Mixta?

‘Mixta’ hija kelma Spanjola u ma tfisser xejn għajr ‘Taħlita’, għax dak hu l-ħsieb tagħna, li nibqgħu nimirħu f’diversi oqsma tad-drama u mhux fuq linja waħda biss. Hawn qegħdin nirreferu kemm fejn tidħol l-iskola, it-teatru u t-televiżjoni.

Ħaġa oħra li aħna nemmnu fi sħiħ fiha, hu l-fatt li f’kull xogħol tagħna jrid ikun hemm talent ġdid. B’hekk dejjem nagħmlu mezz li ninvolvu l-istudenti tagħna fi produzzjonijiet ma’ atturi stabbiliti.

L-Iskola

L-iskola Mixta ilha miftuħa minn Settembru tal-2014, bdejna bħala għaqda volontarja b’15-il student, fejn minn sena għal oħra bqajna nikbru fl-ammont ta’ studenti, u bi pjaċir ngħidu li din is-sena (2024)  lħaqna l-ammont ta’ 250 ruħ. B’kollox għandna 14 -il klassi, b’etajiet minn tfal ta’ 4 snin u adulti ta’ ’l fuq minn 60 sena. Ovvjament kollha kemm huma jkunu mqassmin fi klassijiet skond l-etajiet tagħhom. Għall-prezz ta’ €60 għal term ta’ 8 lezzjonijiet, l-istudenti jibbenefikaw minn sessjonijiet ta’ siegħa u nofs fil-ġimgħa. Dawn is-sessjonijiet isiru fil-lokalità ċentrali tal-Ħamrun. Barra minn hekk, ġewwa Mixta jgħallmu tuturi kwolifikati u jew tutri esperjenzati fil-qasam lokali tad-drama. Permezz t’hekk aħna nemmnu li l-istudenti tagħna jieħdu aspetti differenti minn kulħadd. Matul is-sena nagħmlu mezz li dawn l-istudenti ntuhom opportunitajiet varji. Kemm fi produzzjonijiet li ntellgħu aħna stess, kif ukoll fi produzzjonijiet ta’ kumpaniji teatrali u televiżivi oħrajn. B’hekk nistgħu ngħidu li apparti skola, Mixta toffri s-servizz ta’ aġenzija għal dawn l-individwi ġodda li jixtiequ jkomplu jikbru f’dan il-qasam. L-għan tagħna hu li noffru opportunitajiet lill-istudenti tagħna u narawhom jikbru fil-qasam li tant iħobbu.

Produzzjonijiet

Għal dawn l-aħħar snin Mixta tellgħet bosta produzzjonijiet, kemm teatrali, kif ukoll televiżivi. F’Ottubru tal-2017, Mixta ħadet l-unur tal-MALTA RECORDS, wara li tellgħet 15-il produzzjoni fi żmien 11-il xahar, fejn anke hawn il-produzzjonijiet kollha kienu jinvolvu l-istudenti tal-iskola tagħna flimkien ma’ atturi stabbiliti. Fl-2018 tellajna wkoll film għaċ-ċinema, li apparti li għamel suċċess f’pajjiżna, tela’ wkoll l-Awstralja, fejn fi ftit ġranet irnexxielna nimlew is-sala taċ-ċinema f’Sunshine. Fl-2018 ukoll, Mixta kkompetiet bir-reċta ‘Ħawwadni Ħa Nifhmek’ f’kompetizzjoni ta’ DGP Entertainment fuq kitba u direzzjoni ta’ Clayton Pace. Minn din il-produzzjoni rbaħna erba’ titli fosthom l-aqwa attur u attriċi fis-sessjoni tat-tfal, l-aqwa attur fis-sezzjoni tal-adulti u l-aqwa produzzjoni. Apparti minn hekk, kien hemm is-sehem ta’ studenti oħra bi produzzjoni oħra fejn ukoll ingħataw ukoll premji differenti. Proġett ieħor televiżiv, kien ‘Ġrajjiet in-Nannu Ċens’, l-istorja ta’ Trevor Żahra li nħadmet f’serje qasir għal fuq One TV f’Diċembru tal-2019. Fl-2021 ipproduċejna ħames films qosra fuq One Tv. Min-naħa l-oħra l-aħħar proġett teatrali kien meta tellajna l-kummiedja ‘Iz-Zija Lavinja u l-Pakkett ta’ Polly’ ġewwa l-Istitut Kattoliku, il-Furjana, fejn f’jumejn irnexxilna nilħqu madwar 2,000 ruħ fil-platea. Fil-Cospicua Short Play Festival bil-play ‘Ir-Rużarju Mqaddes’ erbaħna l-aqwa attriċi b’Marceline Galea kif ukoll ikwalifikajna mal-ewwel sitta. Erġajna ipparteċipajna fl-2023 bid-dramm il-Bassara tal-Apokalissi, fejn hemm Anthony Cini u Rita Camilleri rebhu it-3 post bħala l-aqwa attur u attrici fil-festival. Fl-2022 il-film qasir ‘Dawra Durella’ intgħażel sabiex ikun parti mix-short-film festival ġewwa l-Birgu Fest. Fl-2023 u fl-2024 Mixta pproduċiet żewġ dramas fuq Net Television, Dell Minsi u Fuq 3 Faċċati.

Dawn huma uħud mill-produzzjonijiet li pproduċiet Mixta:

  • ‘Id-Destin’ (Ċinema, One, Net Tv, Go Tokis, Melita on Demand, u deher darbtejn fl-Awstralja)
  • ‘Dell Minsi’ (Net Tv)
  • ‘Fuq 3 Faċċati’ (Net Tv)
  • ‘Ġrajjiet In-Nannu Ċens’ (One)
  • ‘Ħolm tal-Milied?’ (One)
  • ‘Iz-Zija Lavinja u l-Pakkett ta’ Polly’ (Kummiedja ġewwa L-Istitut Kattoliku)
  • ‘It-Tieg ta’ Karmena Abdilla’ (Kummiedja ġewwa l-iskola primarja San Benedettu f’Birzebbugia)
  • ‘Il-Honeymoon ta’ Karmena Abdilla’ (Kummiedja ġewwa id-Drama Centre, il-Ħamrun)
  • ‘Ir-Rużarju Mqaddes’ (Birgu Festival)
  • ‘Il-Bassara tal-Apokalissi’ (Birgu Festival)
  • ‘Jesus Christ Superstar Highlights’ (Walkthrough ġewwa każin banda San Gorg, Bormla)
  • ‘Ġaħan u l-Pjanta Li Tiekol in-Nies’ (Pantomima ġewwa t-teatru tal-MCAST)
  • ‘Ġaħan u l-istorja ta’ Malta’ (Kummiedja ġewwa il-Junior Collage, il-Ħamrun)
  • ‘Teens Vs Personalities’ (Programm fuq NET FM)
  • ‘Shh’, ‘Jacob’, ‘L-Aħħar Nifs’, ‘Ir-Raġel tal-Ixkora’, ‘Valentinu fil-Ħanut tal-Ġaħan’ (Ħames films qosra fuq One)

Apparti minn hekk darba f’sena kull klassi ttella’ reċta individwali bħala l-aħħar produzzjoni tal-kors, dik li tissejjaħ l-end of term.

L-Għan Tagħna

L-għan tagħna hu li ngħinu lill-istudenti jgħelbu l-insigurtà tagħhom u jilħqu l-mira fil-karriera tar-reċtar tagħhom.

SideMenu